Responsabbiltà tal-kontrollur
1.
B'kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista' juri li l-ipproċessar isir f'konformità ma' dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati fejn meħtieġ.
2.
Fejn dawn ikunu proporzjonati fir-rigward ta' attivitajiet ta' pproċessar, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta' politiki adatti dwar il-protezzjoni tad-data mill-kontrollur.
3.
Il-konformità mal-kodiċijiet tal-kondotta kif imsemmi fl-Artikolu 40 jew mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni approvati kif imsemmi fl-Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih tintwera l-konformità mal-obbligi tal-kontrollur.
(75) Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, bi probabbiltà u gravità li jvarjaw, jistgħu jirriżultaw mill-ipproċessar ta' data personali li tista' twassal għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali, b'mod partikolari fejn l-ipproċessar jista' jagħti lok għal diskriminazzjoni, serq ta' identità jew frodi, telf finanzjarju, dannu għar-reputazzjoni, telf ta' kunfidenzjalità ta' data personali protetta mis-segretezza professjonali, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali sinifikanti ieħor; jew fejn is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew impediti milli jeżerċitaw kontroll fuq id-data personali tagħhom; fejn tiġi pproċessata data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta' data ġenetika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali jew kundanni kriminali u reati jew miżuri ta' sigurtà relatati; fejn l-aspetti personali jiġu evalwati, b'mod partikolari l-analiżi jew it-tbassir ta' aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi jew l-interessi personali, l-affidabbiltà jew l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti, sabiex jinħolqu jew jintużaw profili personali; fejn tiġi proċessata data personali ta' persuni fiżiċi vulnerabbli, b'mod partikolari ta' tfal; jew fejn l-ipproċessar jinvolvi ammont kbir ta' data personali u jaffettwa numru kbir ta' suġġetti tad-data.
(77) Il-gwida dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa u dwar kif tintwera l-konformità mill-kontrollur jew il-proċessur, speċjalment fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-riskju relatat mal-ipproċessar, il-valutazzjoni tagħhom f'termini ta' oriġini, natura, probabbiltà u gravità, u l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki biex jittaffa r-riskju, tista' tingħata, b'mod partikolari, permezz ta' kodiċijiet approvati tal-kondotta, ċertifikazzjonijiet approvati, linji gwida tal-Bord jew indikazzjonijiet mogħtija minn uffiċjal għall-protezzjoni tad-data. Il-Bord jista' wkoll joħroġ linji gwida dwar operazzjonijiet ta' pproċessar li huma kkunsidrati bħala li probabbli ma jirriżultawx f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi u jindikaw liema miżuri jistgħu jkunu biżżejjed f'dawn il-każijiet biex jindirizzaw tali riskju.
(78) Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali titlob li jittieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tar-Regolament jiġu sodisfatti. Sabiex ikun jista' juri konformità ma' dan ir-Regolament, il-kontrollur għandu jadotta politiki interni u jimplimenta miżuri, li b'mod partikolari jissodisfaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku. Tali miżuri jistgħu jikkonsistu fost l-oħrajn fil-minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali, il-psewdonimizzazzjoni tad-data personali malajr kemm jista' jkun, it-trasparenza fir-rigward tal-funzjonijiet u l-ipproċessar ta' data personali, li jippermetti li s-suġġett tad-data jissorvelja l-ipproċessar tad-data, li jippermetti lill-kontrollur biex joħloq u jtejjeb il-karatteristiċi tas-sigurtà. Meta jiżviluppaw, ifasslu, jagħżlu u jużaw applikazzjonijiet, servizzi u prodotti li huma bbażati fuq l-ipproċessar tad-data personali jew li jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompitu tagħhom, il-produtturi tal-prodotti, tas-servizzi u tal-applikazzjonijiet għandhom ikunu mħeġġa jikkunsidraw id-dritt għall-protezzjoni tad-data meta jiżviluppaw u jfasslu tali prodotti, servizzi u applikazzjonijiet u, filwaqt li jqisu l-ogħla livell, biex ikun żgurat li l-kontrolluri u l-proċessuri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-protezzjoni tad-data.Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u awtomatikament għandhom jitqiesu wkoll fil-kuntest ta' offerti pubbliċi.
(81) Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-ipproċessar li għandu jitwettaq mill-proċessur f'isem il-kontrollur, meta jafda proċessur bl-attivitajiet tal-ipproċessar, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jipprovdu garanziji suffiċjenti, b'mod partikolari f'termini ta' għarfien espert, affidabbiltà u riżorsi, għall-implimentazzjoni ta' miżuri tekniċi u ta' organizzazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, inkluż għas-sigurtà tal-ipproċessar. Il-konformità tal-proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat tista' tintuża bħala element li bih tintwera l-konformità mal-obbligi tal-kontrollur. It-twettiq tal-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur mal-kontrollur, li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-finijiet tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data, filwaqt li jitqiesu l-kompiti u r-responsabbiltajiet speċifiċi tal-proċessur fil-kuntest tal-ipproċessar li għandu jitwettaq u r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Il-kontrollur u l-proċessur jistgħu jagħżlu li jużaw kuntratt individwali jew klawżoli kuntrattwali standard li jiġu adottati jew b'mod dirett mill-Kummissjoni jew minn awtorità superviżorja f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza u wara adottati mill-Kummissjoni. Wara t-tlestija tal-ipproċessar f'isem il-kontrollur, il-proċessur għandu, fuq għażla tal-kontrollur, jirritorna jew iħassar id-data personali, sakemm ma jkunx hemm rekwiżit li tinħażen id-data personali taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-proċessur.