Prinċipju ġenerali għal trasferimenti

Kwalunkwe trasferiment ta' data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew hija maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment lejn pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali għandu jseħħ biss jekk, soġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, il-kontrollur u l-proċessur ikunu f'konformità mal-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu, inkluż għal trasferimenti ulterjuri ta' data personali mill-pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz ieħor jew lejn organizzazzjoni internazzjonali oħra. Id-dispożizzjonijiet kollha f'dan il-Kapitolu għandhom jiġu applikati sabiex jiġi żgurat li ma għandux jiddgħajjef il-livell ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi ggarantit minn dan ir-Regolament.
(101) Il-flussi ta' data personali lejn pajjiżi barra mill-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali u viċe versa huma meħtieġa għall-espansjoni tal-kummerċ internazzjonali u l-kooperazzjoni internazzjonali. Iż-żieda f'tali flussi qajmet sfidi u tħassib ġodda fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, meta d-data personali tkun trasferita mill-Unjoni lil kontrolluri, proċessuri jew destinatarji oħra f'pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali, il-livell ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi żġurata fl-Unjoni minn dan ir-Regolament m'għandux jiddgħajjef, inkluż f'każijiet ta' trasferimenti ulterjuri ta' data personali mill-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali lil kontrolluri, proċessuri fl-istess pajjiż terz jew ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra. Fi kwalunkwe każ, it-trasferimenti għal pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jsiru biss f'konformità sħiħa ma' dan ir-Regolament. Trasferiment jista' jseħħ biss jekk, soġġett għal dispożizzjonijiet oħrajn ta' dan ir-Regolament, il-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mal-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament relatati mat-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.