Legalità tal-ipproċessar

1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
(a) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;
(b) l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt;
(c) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;
(d) l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra;
(e) l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;
(f) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni. Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.
2. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.
3. Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:
(a) il-liġi tal-Unjoni, jew
(b) il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur. Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista' jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta' regoli ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta' data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista' tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.
4. Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta':
(a) kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;
(b) il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;
(c) in-natura tad-data personali, b'mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta' data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;
(d) il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;
(e) l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.
(45) Fejn l-ipproċessar jitwettaq f'konformità ma' obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali, l-ipproċessar għandu jkollu bażi fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix liġi speċifika għal kull ipproċessar individwali. Tista' tkun biżżejjed liġi li sservi ta' bażi għal diversi operazzjonijiet ta' pproċessar ibbażata fuq obbligu legali li huwa soġġett għalih il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali. Għandha tkun ukoll il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tiddetermina l-fini tal-ipproċessar. Barra minn hekk, dik il-liġi tista' tispeċifika l-kondizzjonijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament li jirregola l-legalità tal-ipproċessar ta' data personali, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-kontrollur, it-tip ta' data soġġetta għall-ipproċessar, is-suġġetti tad-data kkonċernati, l-entitajiet li lilhom tista' tiġi żvelata d-data personali, il-limitazzjonijiet tal-fini, il-perijodu tal-ħażna u miżuri oħra li jiżguraw ipproċessar legali u ġust. Għandha wkoll tkun il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-kontrollur li jwettaq il-kompitu fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali għandux ikun awtorità pubblika jew xi persuna fiżika jew ġuridika oħra regolata bil-liġi pubblika, jew, fejn ikun fl-interess pubbliku li jsir hekk, inkluż għal skopijiet ta' saħħa bħas-saħħa pubblika u l-protezzjoni soċjali u l-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, bil-liġi privata, bħal assoċjazzjoni professjonali.
(46) L-ipproċessar tad-data personali għandu wkoll jitqies bħala legali fejn ikun meħtieġ biex jiġi protett interess li huwa essenzjali għall-ħajja tas-suġġett tad-data jew dak ta' persuna fiżika oħra. L-ipproċessar ta' data personali abbażi tal-interess vitali ta' persuna fiżika oħra fil-prinċipju għandu jsir biss fejn l-ipproċessar ma jistax jibbaża manifestament fuq bażi legali oħra. Xi tipi ta' pproċessar jistgħu jservu kemm raġunijiet importanti ta' interess pubbliku u interessi vitali tas-suġġett tad-data bħal pereżempju meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet umanitarji, inkluż għall-monitoraġġ ta' epidemiji u t-tixrid tagħhom jew f'sitwazzjonijiet ta' emerġenzi umanitarji, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' diżastri naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem.
(47) L-interessi leġittimi ta' kontrollur inklużi dawk ta' kontrollur li lilu tista' tiġi żvelata d-data personali jew ta' parti terza, jistgħu jipprovdu bażi legali għall-ipproċessar, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux aktar importanti, b'kont meħud tal-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur. Tali interess leġittimu jista' jeżisti pereżempju fejn ikun hemm relazzjoni rilevanti u adatta bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur f'sitwazzjonijiet bħal fejn is-suġġett tad-data jkun klijent jew fis-servizz tal-kontrollur. Fi kwalunkwe każ il-preżenza ta' interess leġittimu tkun teħtieġ valutazzjoni bir-reqqa inkluż dwar jekk is-suġġett tad-data jkunx jista' raġonevolment jistenna, fil-mument u fil-kuntest tal-ġbir tad-data personali, li l-ipproċessar għal dak il-fini jkun jista' jsir. L-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b'mod partikolari, isiru iktar importanti mill-interess tal-kontrollur tad-data fejn tkun ipproċessata data personali f'ċirkostanzi fejn is-suġġetti tad-data jistennew b'mod raġonevoli li ma jsirx iktar ipproċessar. Minħabba li hija r-responsabbiltà tal-leġiżlatur li jipprovdi bil-liġi l-bażi legali għall-awtoritajiet pubbliċi sabiex jipproċessaw id-data personali, dik il-bażi ma għandhiex tapplika għall-ipproċessar mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. L-ipproċessar ta' data personali sal-punt strettament meħtieġ għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta' frodi wkoll jikkostitwixxi interess leġittimu tal-kontrollur tad-data kkonċernat. L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta jista' jitqies li twettaq għal interess leġittimu.
(49) L-ipproċessar ta' data personali sal-punt li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet li tiġi żgurata s-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni, jiġifieri l-kapaċità ta' netwerk jew ta' sistema ta' informazzjoni li tirreżisti, b'ċertu livell ta' fiduċja, avvenimenti aċċidentali jew azzjonijiet illegali jew malizzjużi li jikkompromettu d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità u l-konfidenzjalità tad-data personali maħżuna jew trażmessa, u s-sigurtà tas-servizzi relatati offruti minn, jew aċċessibbli permezz ta', dawk in-netwerks u s-sistemi, minn awtoritajiet pubbliċi, skwadri ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters — (CERTs), skwadri ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters (CSIRTs), minn fornituri ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika u minn fornituri ta' teknoloġiji u servizzi għas-sigurtà, jikkostitwixxi interess leġittimu tal-kontrollur tad-data kkonċernat. Dan jista', pereżempju, jinkludi l-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat għal netwerks ta' komunikazzjoni elettroniċi u d-distribuzzjoni ta' kodiċi malizzjuż u l-waqfien ta' attakki ta' “ċaħda ta' servizz” u d-danni lill-kompjuter u lil sistemi ta' komunikazzjoni elettroniċi.
(50) L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment għandu jkun permess biss fejn l-ipproċessar ikun kompatibbli mal-finijiet li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment. F'tali każ ma tkun meħtieġa l-ebda bażi għajr dik li tkun ippermettiet il-ġbir tad-data personali. Jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru tista' tiddetermina u tispeċifika l-kompiti u l-finijiet li għalihom l-ipproċessar ulterjuri għandu jitqies bħala kompatibbli u legali. L-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika għandu jitqies bħala operazzjoni ta' pproċessar legali kompatibbli. Il-bażi legali pprovduta mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għall-ipproċessar ta' data personali tista' tipprovdi wkoll bażi legali għall-ipproċessar ulterjuri. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fini tal-ipproċessar ulterjuri jkunx kompatibbli mal-fini li għalih id-data personali tkun inġabret inizjalment, il-kontrollur, wara li jkun issodisfa r-rekwiżiti kollha għal-legalità tal-ipproċessar oriġinali, għandu jieħu kont fost oħrajn ta' kwalunkwe rabta bejn dawk il-finijiet u l-finijiet tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat, il-kuntest li fih id-data personali tkun inġabret, b'mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur rigward l-użu ulterjuri tagħha, in-natura tad-data personali, il-konsegwenzi tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat għas-suġġetti tad-data, u l-eżistenza ta' salvagwardji adatti kemm fl-operazzjoni tal-ipproċessar oriġinali kif ukoll f'dik tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat. Fejn is-suġġett tad-data jkun ta kunsens jew l-ipproċessar ikun bbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex jiġu salvagwardati, b'mod partikolari, objettivi importanti ta' interess pubbliku ġenerali, il-kontrollur għandu jkun jista' jwettaq ipproċessar ulterjuri tad-data personali irrispettivament mill-kompatibbiltà tal-għanijiet. Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament u b'mod partikolari l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġett tad-data dwar dawk il-finijiet l-oħra u dwar id-drittijiet tiegħu jew tagħha, inkluż id-dritt li joġġezzjona, għandhom ikunu żgurati. L-indikar tal-possibbiltà ta' atti kriminali jew theddid għas-sigurtà pubblika mill-kontrollur u t-trażmissjoni tad-data personali rilevanti f'każijiet individwali jew f'diversi każijiet b'rabta mal-istess att kriminali jew theddid għas-sigurtà pubblika lil awtorità kompetenti għandhom jitqiesu bħala li huma fl-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur. Madankollu, tali trażmissjoni fl-interess leġittimu tal-kontrollur jew l-ipproċessar ulterjuri ta' data personali għandhom ikunu projbiti jekk l-ipproċessar ma jkunx kompatibbli ma' obbligu ta' segretezza legali, professjonali jew obbligu vinkolanti ieħor ta' segretezza.