Salvagwardji u derogi relatati mal-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika
1.
L-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika, għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, f'konformità ma' dan ir-Regolament, għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta' minimizzazzjoni tad-data. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu psewdonimizzazzjoni, sakemm dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti b'dak il-mod. Fejn dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti bi pproċessar ulterjuri li ma jippermettix jew ma għadux jippermetti l-identifikazzjoni ta' suġġetti tad-data dawk il-finijiet għandhom jiġu sodisfatti b'dak il-mod.
2.
Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew finijiet ta' statistika, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18 u 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x'aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għall-issodisfar ta' dawk il-finijiet.
3.
Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18, 19, 20 and 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x'aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għat-twettiq ta' dawk il-finijiet.
4.
Fejn l-ipproċessar imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 jservi fl-istess ħin fini ieħor, id-derogi għandhom japplikaw biss għall-ipproċessar għall-finijiet imsemmija f'dawk il-paragrafi.
(156) L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data skont dan ir-Regolament. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ il-miżuri tekniċi u ta' organizzazzjoni sabiex jiġi żgurat, b'mod partikolari, il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data. L-ipproċessar ulterjuri ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika għandu jitwettaq fejn il-kontrollur ikun evalwa l-fattibbiltà li jissodisfa dawk il-finijiet bl-ipproċessar ta' data personali li ma jippermettux jew ma jibqgħux jippermettu l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data, dment li jeżistu salvagwardji xierqa (bħal, pereżempju, il-psewdonimizzazzjoni tad-data). L-Istati Membri għandhom jipprevedu salvagwardji xierqa għall-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jipprovdu, taħt kundizzjonijiet speċifiċi u soġġetti għal salvagwardji xierqa għas-suġġetti tad-data, speċifikazzjonijiet u derogi fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni u drittijiet għar-rettifika, jew għat-tħassir,, li jintesew, għar-restrizzjoni tal-ipproċessar, ta' portabbiltà tad-data, u għall-oġġezzjoni meta tkun qed tiġi pproċessata data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika. Il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji inkwistjoni jistgħu jinvolvu proċeduri speċifiċi għas-suġġetti tad-data biex jeżerċitaw dawk id-drittijiet jekk dan ikun xieraq fid-dawl tal-finijiet imfittxija mill-ipproċessar speċifiku flimkien ma' miżuri tekniċi u organizzattivi mmirati biex jimminimizzaw l-ipproċessar tad-data personali skont il-prinċipji ta' proporzjonalità u neċessità. L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet xjentifiċi għandu jikkonforma wkoll ma' leġiżlazzjoni rilevanti oħra bħal provi kliniċi.
(157) Bl-abbinar ta' informazzjoni minn reġistri, ir-riċerkaturi jistgħu jiksbu għarfien ġdid ta' valur kbir fir-rigward ta' kundizzjonijiet mediċi mifruxin bħal mard kardjovaskulari, il-kanċer u d-dipressjoni. Fuq il-bażi ta' reġistri, ir-riżultati tar-riċerka jistgħu jissaħħew, peress li huma jibbażaw fuq popolazzjoni akbar. Fix-xjenza soċjali, ir-riċerka fuq il-bażi tar-reġistri tippermetti lir-riċerkaturi jiksbu l-għarfien essenzjali dwar il-korrelazzjoni fit-tul ta' għadd ta' kundizzjonijiet soċjali bħall--qgħad u l-edukazzjoni, ma' kundizzjonijiet oħra tal-ħajja. Ir-riżultati tar-riċerka miksuba permezz ta' reġistri jipprovdu għarfien solidu u ta' kwalità għolja, li jistgħu jservu ta' bażi għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika bbażata fuq l-għarfien, itejbu l-kwalità tal-ħajja għal għadd ta' persuni, u jtejbu l-effiċjenza tas-servizzi soċjali. Sabiex jiffaċilita r-riċerka xjentifika, id-data personali tista' tiġi pproċessata għal finijiet ta' riċerka xjentifika soġġett għal kundizzjonijiet xierqa u s-salvagwardji stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru.
(158) Fejn id-data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' arkivjar, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal dak l-ipproċessar, b'kont meħud li dan ir-Regolament ma għandux japplika għal data ta' persuni deċeduti. L-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi pubbliċi jew privati li jżommu reġistri ta' interess pubbliku għandhom ikunu servizzi li, skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, ikollhom obbligu legali biex jiksbu, iżommu, jivvalutaw, jagħmlu arranġamenti, jiddeskrivu, jikkomunikaw, jippromwovu, ixerrdu u jipprovdu aċċess għar-reġistri ta' valur fit-tul għall-interess pubbliku inġenerali. L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu awtorizzati jipprevedu li data personali tista' tkun ipproċessata ulterjorment għal finijiet ta' arkivjar, pereżempju bil-ħsieb li jipprovdu informazzjoni speċifika relatata mal-imġiba politika taħt reġimi fi stati totalitarji preċedenti, ma' ġenoċidju, ma' delitti kontra l-umanità, b'mod partikolari l-Olokawst, jew ma' delitti tal-gwerra.